Welcome to Gozo Minor Seminary

 

 

Hekk kif nhar il-Ħamis, 14 ta’ Diċembru 2017, il-palk tat-Teatru Astra, għaċ-ċapċip bla waqfien tal-udjenza, beda jimtela bħal bajda bi kważi 200 ruħ, bejn studenti u membri tal-istaff li ħadmu fil-produzzjoni tal-Concert tal-Milied ta’ din is-sena, fil-curtain call tal-ispettaklu “Fettlilna Nagħmlu Musical” , kien evidenti is-sens kbir ta’ sodisfazzjon fost kulħadd.

Kien il-frott ta’ sena sħiħa ta’ ħidma, li aċċellerat f’dawn l-aħħar xhur bil-provi taħt id-direzzjoni ta’ Fr Joseph Bajada, bit-tagħlim tal-koreografija, bid-disinn u l-bini tax-xenarju, bil-ħjata tal-kostumi u preparazzjoni ta’ make-up, bir-rekordjar tal-kant, bit-tfassil tas-sound u d-dwal u bil-promozzjoni u bejgħ ta’ biljetti.

Dan il-proġett ambizzjuż, fejn l-iskola kollha ħadmet fuq proġett komuni, għaqqad lill-komunita’ tal-iskola tagħna u żgur li xpruna s-sense of belonging kemm tal-istudenti kif ukoll tal-għalliema.

Fl-ewwel att tul it-tlett siegħat ta’ spettaklu, miktub minn Alexander G Farrugia, l-udjenza rat kif Ray, LSA imferfex u li ma jaħsibhomx, iqajjem mir-raqda tal-indifferenza lill-istudenti u l-istaff tal-iskola St Jude, u jgħin lil Mr Ellul, it-teacher tad-drama, jissupera il-pessimiżmu tiegħu (l-aħħar concert li għamel kien fjask u biex tgħaxxaq telqitu l-għarusa lejlet il-Milied) u flimkien jippreparaw musical għal concert tal-Milied tat-tfal tal-iskola.

Waqt l-intervall, kif ġara wkoll fil-bidu tal-ispettaklu, l-Orkestra tal-iskola, taħt id-direzzjoni ta’ Mr Ivan Farrugia, eżegwiet medley ta’ diversi għanjiet popolari tal-Milied.

Fit-tieni att, is-sala tat-teatru Astra saret is-sala li fiha l-iskola St Jude tellgħet il-produzzjoni “Anġli Bla Ġwienaħ”.  Għan-noti ta’ kanzunetti mill-Eurovision, l-udjenza rat kif tlett anġli mqarbin (li kellhom il-ġwienaħ meħudin għax kienu għoddhom qatlu lil Mose’ meta tajjru imnieħer l-iSphinx) jintbagħtu “undercover” fid-dinja biex jassistu lill-Marija u lil Ġużeppi fix-xhur li ppreċedew it-twelid ta’ Ġesu.  Mhux mingħar ħafna taħbit u mumenti umoristiċi, dawn l-anġli jirnexxielhom fil-missjoni delikata tagħhom, u jkunu ippremjati billi jingħataw lura ġwenħajhom.

Safrattant, bil-ħidma ta’ Mr Gauci, is-sumast tas-St Jude, u ta’ Ray, jerġgħu ilaqqgħu flimkien lil Mr Ellul u Kimberly, biex tassew kulħadd ikellu Milied Ħieni.  Il-pożittivita’ u d-determinazzjoni jikinsu l-pessimiżmu u l-indifferenza.  Kif jgħid ir-ritornell tal-aħħar song tal-Musical:

Ejjew mela, ejjew mela,  f’dan il-lejl tal-Milied,

Ejjew ngħixu dak li f’Betlem, Alla kien ried:

Ejjew mela nsejħu fostna l-paċi u s-sliem,

Ejjew...Magħqudin flimkien!

Kif tenna is-Surmast, il-Kan. Noel Saliba, fl-indirizz tiegħu fi tmiem l-ispettaklu, it-tama hi li dan il-messaġġ wasal ukoll għand l-udjenza.  Filwaqt li ippreżenta lil Fr Joseph Bajada b’rigal b’turija tal- gratitudni tal-iskola kollha lejn il-ħidma li wettaq fostna, is-Surmast sostna li hu dan is-sens ta’ familja li jtina l-kuraġġ u d-determinazzjoni biex nieħdu ħsieb lill-“anġli bla ġwienaħ” li l-Mulej ta’ kuljum jafdalna f’idejna.

Mill-ġdid prosit lil kull min kien involut.

Photographs: Credit to FocusFoto 

bwd  Set 2/16  fwd

 

Photographs: Credit to Fr. Michael Said

bwd  Set 1/20  fwd