Jum il-Gradwazzjoni tal-istudenti tal-Ħames Klassi

Nhar l-Erbgħa 5 ta’ Ġunju 2024 ġiet iċċelebrata quddiesa mir-Rettur tas-Seminarju Maġġuri u diversi qassisin oħra fl-okkażjoni ta’ Jum il-Gradwazzjoni tal-istudenti tal-Ħames Klassi. Wara l-quddiesa, is-Surmast tal-Iskola Fr Charles Sultana, u Giacomo Debrincat, f’isem l-istudenti tal-Ħames Klassi, għamlu d-diskors tal-okkażjoni. L-istudenti ġew ippreżentati ċ-ċertifikati u memento tal-okkażjoni. Is-serata kommemorattiva ngħalqet b’festin fl-istabbiliment Ta’ Frenċ.

 

Diskors tas-Surmast

 

Għeżież Studenti,

 

F’isem sħabi l-edukaturi tal-iskola tagħna, nixtieq nuri l-ferħ tagħna f’dan il-mument importanti għalikom; dak ta’ tmiem taż-żmien tagħkom bħala studenti sekondarji. Illum, hekk kif tinsabu fuq l-għatba ta’ kapitlu ġdid f’ħajjitkom, nixtieq nirrifletti fuq xi wħud mill-valuri li l-iskola tagħna ħadnet magħkom matul il-mixja tagħkom magħna u kif dawn għandhom ikomplu jiggwidawkom fil-futur.

 

Iż-żmien tagħkom fl-iskola tagħna kien ikkaratterizzat minn diversi esperjenzi pero’ fost l-aktar importanti kienu dawk li saħħewkom fl-impenn, fil-bżulija, u l-perseveranza. Dawn il-kwalitajiet mhux biss għenukom tiksbu kwalifikċi akkademiċi iżda wkoll ħejjewkom biex tiffaċċjaw l-isfidi li hemm quddiemkom. Ftakru, li t-triq għas-suċċess veru fil-ħajja qatt ma hi faċli. Hija biss illużjoni li naħsbu li nistgħu nakkwistaw il-ferħ mingħajr ma nħallsu l-prezz veru. Dan jiġri biss permezz tad-dedikazzjoni sħiħa u l-perseveranza li jitolbu minna impenn, kuraġġ u bżulija.

Il-ferħ veru ma jitkejjilx biss minn dak li nakkwistaw imma l-iżjed minn dak li aħna nagħtu. Għaldaqstant, l-ispirtu tas-servizz huwa valur ieħor li jrid jiżdied ma’ dawk diġa’ msemmija. Li tkun bieżel, dedikat u perseveranti fix-xogħol iħallu frott veru meta dawn nużawhom fis-servizz tagħna lejn l-oħrajn. Issa li se toħorġu fid-dinja, nħeġġiġkom biex iġġorru magħkom l-valuri ta’ kompassjoni u empatija. It-tama tagħna hi li l-edukazzjoni tagħkom fl-iskola tagħna żergħet fikom l-importanza li tagħtu lura u li tagħmlu differenza pożittiva fil-ħajjiet tal-oħrajn. Ħallu dan l-impenn għas-servizz ikun il-pedament tal-inizjattivi futuri tagħkom.

Jgħaddu kemm jgħaddu snin, il-memorji ta’ dawn l-aħħar ħames snin jibqgħu dejjem preżenti. Tant u tant esperjenzi sbieħ li bnew l-istorja tas-snin tas-Sekondarja tagħkom. Jiena ċert li dak li tgħallimtu fuq il-bankijiet tal-klassi ġie msaħħaħ bl-esperjenzi sbieħ li għextu flimkien. Hekk kif tibdew dan il-kapitlu ġdid, qatt tinsew dawn l-esperjenzi u dak kollu li tgħallimtu. It-taħbit u l-inkwiet tad-dinja se jisfidaw il-valuri li rċivejtu. Ibqgħu leali lejn dak li temmnu fih, ibqgħu dedikati lejn l-għanijiet tagħkom, u dejjem fittxu li tgħollu lil dawk ta’ madwarkom. 

Għalhekk, nagħlaq kif bdejt. F’isem il-membri kollha tal-iskola tagħna, f’dan il-jum tal-gradwazzjoni tagħkom, nawgurawlkom kull suċċess għall-futur u nitolbu dejjem biex il-Mulej isaħħaħ fikom il-valuri li jagħmlukom tassew ċittadini u Nsara tajbin.

 

 Fr Charles Sultana

 

Ritratti quddies

 

 

Ritratti riceviment